ċella- holma

Ċella

Bħal meta f’ħolma tinsa l-mument li tkun irqadt u tibqa’ għaddej għal Alla tiegħek
0 Shares
0
0

Bħal meta f’ħolma tinsa l-mument li tkun irqadt

u tibqa’ għaddej għal Alla tiegħek

mingħalik dak li qed tagħmel hu kollu tabilħaqq

u li xejn ma jista’ jmissek,

jew jaħkmek jew iwaqqfek;

jibqa’ għaddej minn ġo fik donnu sħab

u int, hemm, mingħalik sultan,

re ta’ ġisem mimli ċellel

lest għall-għadu, lest, arah ġej:

dak il-ħaġu kważi ħaj, daqstant mejjet,

li ma jista’ qatt iċaħħdek minn dak li huwa tiegħek.

Mingħalik.

Mingħalik, sakemm tintebaħ

kemm għebt ‘il bogħod mir-realta’

fejn dak kollu li għandek ingħatalek

u dak li ngħatalek jista’ xi darba jittieħidlek;

fejn dik il-kuruna ta’ fuq rasek issa tqalet,

u ħadet sura oħra,

ta’ kundanna,

li f’daqqa waħda kulħadd qed jinteressah minna;

fejn in-nies, jekk jorqdu, jqumu b’tisbita

bl-għaraq ma’ ġbinhom, jitriegħdu,

mhux għax kellhom xi ħolma kerha

imma għax l-għadu, issa mimli ħajja,

ħarab miċ-ċella tiegħu.

U l-ħolma x’sar minnha?

Saret traba tad-deheb, hux,

bħall-ħin, li jitfarfar bħan-ngħas

biex forsi anke jien nqum,

imqar ftit ftit,

b’moħħi imfarrak biex niftakar

kif darba, anzi l-jum ta’ qabel,

kont kapaċi nħares lejn is-sema

lejn il-baħar, lejn is-siġar u l-fjuri,

lejn in-nies ta’ madwari,

lejn familti u sħabi

mingħajr ma ngħatti wiċċi

wara l-kanċell ta’ idi.

No tags for this post.
0 Shares
You May Also Like