knisja vojta

U jekk il-knejjes ma jiftħux?

0 Shares
0
0

Kif faqqet il-pandemija bdew jagħlqu l-knejjes u wieħed mill-pariri kien l-bżonn li tinstab rutina ġdida adatta għall-bżonnijiet. Kif ir-rutina hi bżonnjuża biex torjenta l-ħajja ta’ kuljum, ir-ritwal hu bżonjuż biex jorjenta l-ħajja tal-fidi tagħna. Imma fiċ-ċirkostanzi fejn ma nistgħux niġabru fis-santwarji tagħna, id-djar tagħna qegħdin jsiru santwarji domestiċi?

L-ebda mument ma’ dawk għeżież ma hu sempliċement ritwal jew rutina. Bl-istess mod kif il-futbol mhux biss ġirja wara ballu, ikla mal-familja jew sħabek mhix biss mument biex timla żaqqek; mixja, vjaġġ, vakanza, mhumiex biss ċaqliqa minn post għall-ieħor.

Kollha kemm huma jistgħu jkunu sempliċement hekk. Imma tagħraf li hemm aktar x’tomgħod meta dawn isiru mumenti fejn tiltaqa’, tissaħħaħ, tikber u fuq kollox tifhem li l-ħajja hi vjaġġ. Tapprezzahom aktar meta dawn jonqsu.

Għalkemm importanti u bżonjuż, il-parteċipazzjoni fil-ħajja tal-Knisja mhix sempliċement ir-ritwali u r-rutina. Il-Knisja (ecclesia – Il-ġabra ta’ Poplu), ma’ tieqafx mar-ritwal ta’ ftit minuti, jeħtieġ li dan jiġi mibni fuq pediment sod u fl-istess ħin dan jgħin għat-tisħiħ tal-pedament innifsu.

Tkun ħasra li neħlu mas-“smigħ” tal-quddiesa u nikkuntentaw rwieħna li dan biżżejjed. L-isfida l-kbira hi li tinħoloq komunità fejn il-Quddiesa hi l-qofol tagħha, imma mhux l-unika espressjoni. Tkun ħasra li l-appartenenza mal-komunità tibda u tieqaf mal-bieb tal-knisja. L-aħħar kelma ta’ kull quddiesa hi dejjem “morru u għixu.”

Għax ir-rutina u r-ritwal huma bżonjużi wieħed irid jifhem meta u kif jkunu f’posthom. Imma tkun ħasra li naqgħu fit-trappola li l-ngħidu li n-nuqqas tagħhom fiċ-ċirkostanzi, hu ostaklu għal-Libertà tagħna. Bl-istess mod kif in-nuqqas ta’ ċaqlieq ħieles mhux xkiel tal-libertajiet tagħna, ma nistgħux nalludu li s-sospensjoni tal-quddies bil-pubbliku hi xkiel għal-libertà tal-espressjoni tal-fidi jew il-kult. Dawn huma miżuri li huma ntenzjonati biex iħarsu s-saħħa speċjalment ta’ dawk l-aktar f’riskju.

Tkun ħasra jekk dan ma jisfidaniex biex nirriflettu aktar fil-fond dwar kif il-membri tal-Knisja (il-ġabra ta’ Poplu) jikbru fir-relazzjoni ma’ Alla, ma’ oħrajn u magħhom infushom – vjaġġ li jtul ħajjitna kollha. Tkun ħasra jekk nerġgħu mmorru lura għan-‘normal’ mingħajr ma l-esperjenza bħal ma qegħdin ngħixu tibdilna u tgħinna nagħrfu l-qalba tal-affarijiet.

Jeħtieġ li nirriflettu aktar fil-fond kif id-djar tagħna jsiru santwarji domestiċi. Mhux għax li tinġabar ma’ oħrajn hu żejjed u tista’ tgħaddi mingħajru, imma għaliex r-ritwal mingħajr il-vjaġġ jsir biss ċaqlieqa mingħajr ma jinbidel f’mixja.

Blog ippublikat fuq Newsbook.com.mt

0 Shares
You May Also Like