Il-Lingwa u l-Wirt Kulturali

Il-kelma ġġorr ħafna aktar responsabbilitajiet minn sempliċi għodda ta’ komunikazzjoni.
0 Shares
0
0

Il-kelma hija teżor. Fiha hemm moħbi wirt sħiħ li ilu jinġema’ mindu l-bniedem skopra li jista’ jitkellem: jista’ jipproduċi ġest, mossa jew ħoss, li bihom jesterna dak li għaddej minn moħħu u ħaddieħor jifhmu u jirreaġixxi għal dak li jkun irċieva. Wirt li dejjem jikber u jespandi, għax il-kelma m’għandhiex kwiet, dejjem tinbidel imqar jekk tibqa’ bl-istess forma.  

F’dan is-sens, il-kelma hija paradoss: tinbidel anki jekk iżżomm l-istess forma. Iġġorr dak li huwa antik u fl-istess waqt hija ġdida. Il-kelma hija memorja daqskemm attwali, ilbieraħ u llum. Memorja għaliex il-kelma ma vvintajnihiex aħna, illum, imma ħaddieħor qabilna. Ma’ dan il-ħaddieħor mhux biss midjunin imma marbutin: nibqgħu nġorru dak kollu li seħħ qabilna. Il-kelma għandha storja. U l-istorja hija rreġistrata bil-kelma. Kwalunkwe wirt huwa memorja.

Il-kelma hija paradoss: tinbidel anki jekk iżżomm l-istess forma. Iġġorr dak li huwa antik u fl-istess waqt hija ġdida. Il-kelma hija memorja daqskemm attwali, ilbieraħ u llum.

Il-kelma hija wkoll identità. Fatt minn ewl id-dinja li l-lingwa hija wirt kulturali propju għaliex hija parti mill-istorja tiegħek. Hija ħafna aktar minn sempliċi mezz ta’ komunikazzjoni. Il-kelma hija int li qiegħed tlissinha. Il-mod kif tużaha jgħid min int, kif jurina dak l-inċident ta’ Pietru dakinhar li ħadu lill-imgħallem tiegħu għall-mewt u ċaħdu: “Wara ftit dawk l-istess nies resqu lejn Pietru u qalulu: ‘Tassew, int ukoll wieħed minnhom, għax għandek il-kisra ta’ kliemek tikxfek’” (Mt 26:73). Huwa għalhekk li ħafna drabi lil gruppi etniċi tteħdilhom id-dritt li jużaw il-kelma tagħhom minn mexxejja despotiċi, daqskemm hu għalhekk li l-kolonizzaturi imponew kelmithom ħafna drabi, ukoll, bi skapitu tal-kelma nattiva tal-ikkolonizzati. Hekk turi l-istorja kolonjali tagħna, pereżempju. L-impożizzjoni tal-lingwa tal-Ieħor dominanti takkumpanja l-impożizzjoni ta’ bagoll kulturali sħiħ. Minħabba f’hekk ħafna jorbtu l-kelma ma’ kunċetti kbar bħalma hu n-nazzjon, ir-razza, il-poplu. Nafu li l-kelma ma turix biss mnejn int imma l-klassi soċjali tiegħek, daqskemm tista’ wkoll tkun xhieda tal-ġeneru. Għax tassew, il-kelma hija ħafna aktar minn għodda. Il-lingwa hija ritratt. 

Il-kelma tesiġi rispett. Appuntu għaliex hija teżor, għaliex hija t-taħbita tal-qalb ta’ dawk li ġew qabilna, il-memorja tagħhom, il-kelma tesiġi rispett. Hemm diversi modi kif dan ir-rispett ma jingħatax. Dawk li ma japprezzawx il-kelma li tathom ommhom u li semmagħlhom missierhom mhumiex jirrispettawha. Daqstant ieħor mhumiex jirrispettawha dawk li jużawha ħażin sforz in-nuqqas ta’ għarfien jew sforz ideat żbaljati ta’ status. L-agħar fost dawn huma dawk li jużaw il-kelma biex jindirizzaw il-pubbliku u jxerrdu l-użu ħażin tagħha. Ir-rispett ma jingħatax meta l-kelma tispiċċa tiġi ddiskriminata skont liema fomm ilissinha, liema id tiktibha. Il-kelma – kwalunkwe kelma – tesiġi rispett. 

Il-kelma hija teżor li s-sabiħ tiegħu hu li taqsmu mal-oħrajn. L-iskambju tal-kelma jsir att tant nobbli f’kuntest ta’ inkontri ta’ kulturi differenti. Il-kelma hija rigal li nagħtu lil xulxin. Għalkemm hija ritratt ta’ min ilissinha, hija wkoll il-vjal li jwassal għall-inkontru. Għalhekk isiru tant ċelebrazzjonijiet tal-kelma. Il-kelma mhijiex biss sempliċi mezz ta’ komunikazzjoni.

0 Shares
Leave a Reply

Your email address will not be published.

You May Also Like

Cultural Heritage Through Music

Cultural Heritage is not about inanimate objects or old buildings. It is about stories and experiences. Music has a crucial role in the preservation, dissemination, and continuation of those stories, and must work in conjunction with other disciplines in order to ensure our cultural enrichment and be a positive change in the world.
Read More